Raġel u mara weġġgħu gravi f’inċident tat-traffiku f’San Ġwann.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30 tal-bieraħ filgħaxija fi Vjal ir-Rihan.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn BMW i3s misjuqa minn raġel ta’ 68 sena minn-Naxxar u VW Polo misjuqa minn mara ta’ 29 sena mill-Iklin.
Bid-daqqa, karozza minnhom spiċċat f’karreġjata oħra u b’konsegwenza t’hekk ħabtet ma’ mutur Peugeot Tweet misjuq minn raġel ta’ 51 sena li joqgħod is-Swieqi.
Ix-xufier tal-mutur u l-mara ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u wara ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Il-passiġġier li kien fil-VW Polo u x-xufier tal-BMW ma sofrewx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.