Raġel ta’ 32 sena mill-Mosta ġarrab ġrieħi ħfief, filwaqt li mara ta’ 30 sena minn Santa Venera indarbet gravi, wara li ħabtu bil-karozza ma’ karozza oħra tal-għamla Peugeot 308 li kienet misjuqa minn raġel ta’ 36 sena. F’din il-karozza kien hemm ukoll mara ta’ 33 sena u tifel ta’ 11-il sena.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-9:20pm fi Triq Valletta, il-Mosta.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku.
Aktar tard ir-raġel ta’ 32 sena u l-mara ta’ 30 sena ttieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett.