Matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-Pulizija arrestat raġel u mara ta’ 47 sena, wara li allegatament kienu qegħdin jisirqu minn vettura pparkjata.
Kienu għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ filgħodu, x’ħin il-Pulizja kienet infurmata li hemm żewġ persuni suspettużi jduru mal-karozzi fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ. Il-Pulizija millewwel ħadet azzjoni u malli waslu fuq il-post, sabu żewġ persuni li jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħataw, qrib vettura li kienet miftuħa u bir-radio maqlugħ minn ġo fiha.
Malli indunaw bil-preżenza tal-Pulizija, iż-żewġ peruni ppruvaw jitilqu minn fuq il-post, iżda ġew arrestati minnufih. Minn tfittxija li saret fuqhom, instabu diversi affarijiet suspettużi, fosthom torċ u mwies, filwaqt li qalb xi ħaxix fil-viċinanzi, il-Pulizija sabet radio, nuċċalijiet u chargers, fost oħrajn.
Mill-investigazzjonijiet li saru irriżulta li allegatament dawn iż-zewġ persuni wettqu serqiet simili fl-aħħar t’April u fil-bidu ta’ Mejju.
Huma qegħdin jinżammu arrestati fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta s-siegħa ta’ waranofsinhar, quddiem ilMaġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras.