Jien ma niġġudikax is-suċċessuri tiegħi imma naħseb qed jagħmel biċċa xogħol tajba.
Din kienet it-tweġiba tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Alfred Sant dwar il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi mill-editur tat-Times Herman Grech.
Dr Sant għadu kif ippubblika awtobijografija tiegħu dwar dak li seħħ bejn l-1975 u l-1992.
Fil-ktieb, “Confessions of a European Maltese”, Dr Sant jitkellem dwar diversi episodji u propju t-Times staqsietu fuq żviluppi politiċi tal-passat u anki dak li qed ngħixu llum.
Mat-Times, Alfred Sant qal li dak li qed jagħmel Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż fi sfidi bla preċedent minħabba l-pandemija juri kemm huwa raġel tal-azzar.
“Tassew kellu magħmudija tan-nar”, saħaq Dr Sant fuq Robert Abela li mill-ewwel ġimgħat tiegħu wara Prim Ministru qabad ir-ritmu fuq numru ta’ riformi iżda anki ffoka fuq kif pajjiżna jaffaċċja l-pandemija u nieda sensiela ta’ pakketti finanzjarji biex iwieżen lin-negozji, lill-familji u lill-ħaddiema.
Mistoqsi mit-Times ukoll jekk il-Prim Ministru hux qed jindirizza biżżejjed il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta, l-eks mexxej Laburista qal li hawnhekk ukoll Dr Abela qed jagħmel biċċa xogħol tajba.
Dr Sant qal ukoll li tkellem kemm-il darba mal-Prim Ministru ta’ Malta.
Dak li qal Alfred Sant huwa notevoli fuq wieħed mis-suċċessuri tiegħu.
Dr Sant dejjem qal li hu żamm pass lura milli jibqa’ jidher fid-dell ta’ mexxej li jkun laħaq warajh fil-Partit Laburista.
Dan b’kuntrarju għal dak li ġara u għadu qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil kien spiċċa bena fazzjoni li għadha preżenti u issa qed tmexxi l-aġenda tagħha, permezz ta’ Bernard Grech fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra jiem qabel elezzjoni għal Kap u fl-aħħar jiem tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil mar ikellem il-midja fid-daħla tad-Dar Ċentrali u jappella biex wieħed mill-kandidati għall-kap tal-partit jirtira mit-tellieqa.