Raġel ta’ wieħed u erbgħin sena minn Ħ’Attard ġie arrestat f’Tas-Sliema wara li allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti minn ħanut f’San Ġwann.
Is-serqa ġrat l-Erbgħa għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija, hekk kif ir-raġel daħal b’arma tan-nar fil-ħanut, li jinsab fi Triq in-Naxxar, u talab il-flus lill-kaxxiera.
Fi stqarrija, illejla l-Pulizija qalet kif wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri wasslu biex l-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat minn karozza f’Tas-Sliema u mill-investigazzjonijiet li saru din kienet l-istess karozza li ntużat fis-serqa.
Wara iżjed investigazzjonijiet mill-Pulizija, parti mill-flus misruqa nstabu wkoll fid-dar tal-allegat ħalliel.
Aktar investigazzjonijiet għandhom għaddejjin.