Alfred Attard, raġel ta’ 78 sena ma nstabx ħati li kellu dħul finanzjarju mil-prostituzzjoni permezz ta’ żewġ massage parlours fil-Mosta u l-Ħamrun. Dan minkejja li fil-qorti ġie stabbilit li fil-ħwienet kienu qed jingħataw servizzi sesswali.
Fil-qorti ġie stabbilit li lura f’ Novembru tal-2012, il-Pulizija għamlet rejd fuq iż-żewġ ħwienet wara diversi osservazzjonijiet. Bil-Pulizija tpoġġi lil Attard taħt dawn l-akkużi wara li ddikjara li hu sid il-ħwienet. Il-Qorti semgħet kif meta sar ir-rejd, il-mara ċiniża kienet il-carer ta’ Attard iżda mbad iżżewġithu fl-2013. Dan il-fatt qajjem dubji serji fuq ir-raġunijiet wara dan iż-żwieġ hekk kif Attard kien f’ relazzjoni intima oħra ma’ mara Maltija ta’ 90 sena li kienet ittih il-flus biex jgħix.
Tliet irġiel li xhiedu fil-qorti dwar dan il-każ qalu li meta nqabdu mil-Pulizija fil-post, kienu qed jirċievu servizz sesswali għal prezz ta’ ħamsa u tletin ewro.
B’ reazzjoni għall dan, Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li ma kien hemm l-ebda dubju li dawn il-ħwienet intużaw għal użu ta’ servizzi sesswali iżda ddikjarat li ma tistax issib lil Attard ħati minħabba nuqqas ta’ provi.