Raġel ta’ sittin sena, residenti r-Rabat tilef ħajtu għall-ħabta tat-tlieta tal-Ħadd filgħodu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat stess.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-vittma li kien qiegħed isuq karozza tat-tip Skoda Rapid kellu impatt ma’ żewġ karozzi tat-tip Fiat Punto u Peugeot 206 li kienu ipparkjati. Riżultat tal-impatt il-vettura tal-vittma waqfet ma’ faċċata ta’ residenza.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li persuna residenti viċin fejn seħħ l-inċident assistiet lir-raġel minnufih hekk kif ġie msejjaħ tim mediku fuq il-post.
Sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gianella Busuttil li fetħet inkjesta sabiex tiġi stabbilitá l-kawża tal-mewt. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.