Taljan ta’ 51 sena mill-Munxar, Għawdex, qiegħed fil-periklu tal-mewt wara li kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta meta it-Taljan tilef il-kontroll tal-mutur ta’ tip Ducati u waqa’ fi Triq ix-Xlendi, il-Munxar.
Il-mutur u x-xufier baqaw jitkaxkru għal diversi metri sakemm ħabtu ma’ vettura Toyota Starlet li kienet tinsab ipparkjata.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Bil-każ ġiet infurmata l-Magistrat tal-Għassa Dr Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.