Raġel ta’ 41 sena minn Birkirkara ġie arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga.
Dan wara investigazzjonijiet mill-pulizija fuq garaxx fil-Marsa li fih allegatament kienet qd tiġi traffikata d-droga.
Waqt osservazzjonijiet il-Ġimgħa waranofsinhar, il-pulizija nnotaw lir-raġel jidħol fil-garaxx u ftit wara deher joħroġ u jirkeb ġo vettura.
Hawnhekk hu ġie ċċirkondat u arrestat u minn tfittixijiet li saru fuqu u fil-vettura, il-pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata kokaina.
Minn tfittxijiet ulterjuri li saru fil-garaxx, instabet aktar droga suspettata kokaina u ammont konsiderevoli suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Dan filwaqt li nstabu mwieżen diġitali u diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello.
Ir-raġel tressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ nofsinhar mixli b’numru ta’ akkużi relatati ma’ dan il-każ.