Raġel ta’ 39 sena minn Raħal Ġdid ġarrab ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur fil-Marsa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-13:45pm fi Triq il-Labour fil-Marsa. Xhieda fuq il-post qalulna li s-sewwieq deher jitlef il-kontroll tal-mutur Yamaha u jibqa’ dieħel fil-ġenb ta’ karozza tat-tip Hyundai li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 50 sena minn Raħal Ġdid fl-istess direzzjoni lejn il-Belt.
Mad-daqqa s-sewwieq spiċċa mixħut fuq il-bankina. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn surġent tal-pulizija li nzerta għaddej minn quddiem il-kumpless ONE.
Fuq il-post issejħet ambulanza li minnufih ħadet lill-vittma l-isptar għal aktar kura.
Il-mara kellha tittieħed f’ċentru tas-saħħa fil-qrib wara li dehret li kellha qatgħa kbira fuqha.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.