Raġel ta’ 28 sena jsofri ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-inħawi ta’ Bir id-Deheb.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-14:20 ta’ waranofsinhar meta l-pulizija ssejħet fuq il-post għax kien hemm ħabta fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun.
Fuq il-post marru l-pulizija tad-distrett fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-ħabta kienet bejn karozza tat-tip Honda Civic li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 28 sena minn Birkirkara u karozza tal-għamla Toyota Corolla li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 19-il sena residenti Ħaż-Zabbar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel ta’ 28 sena l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.