Mishael Eid Ali Albdoul ta’ 28 sena mill-Ġordan u li joqgħod San Ġiljan ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal 18-il xahar.
Albdoul tressaq il-Qorti mixli li kellu fil-pussess tiegħu pjanta tal-kannabis, li hedded uffiċjali tal-pulizija waqt li kien taħt l-effett tax-xorba alkoħoliku kif ukoll li għamel dikjarazzjoni falza.
Iż-żagħżugħ wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat Rene Darmanin li deher għall-akkużat qal illi Albdoul talab skuża lill-pulizija filwaqt li sostna li l-akkużat għandu kondotta nadifa u għalhekk talab biex l-akkużat ma jintbagħatx il-ħabs, madanakollu l-akkużat jagħraf li l-imġieba tiegħu ġġib magħha l-konsegwenzi.
Il-prosekuzzjoni, imexxija mill-Ispettur Joseph Xerri, ma aġġezzjonatx għal din it-talba. Għalhekk il-Qorti pperseduta mill-Magistrat, Rachel Montebello tatu sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal 18-il xahar u multa ta’ €1,000 li għandha titħallas fi żmien 12-il xahar.