Raġel ta’ 23 sena, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li stupra tifla ta’ għaxar snin.
L-abbuż sesswali allegatament beda meta t-tifla kellha biss seba’ snin.
Catriel Scicluna li huwa mill-Marsa ġie mixli dalgħodu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li stupra u li ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minuri.
Għalkemm it-tifla għad trid tagħti l-istqarrija tagħha bil-ġurament, hija tkellmet fid-dettal dwar l-abbuż li għaddiet minnu ma’ uffiċjali. Hija qalet li l-abbuż kien ilu għaddej sa minn meta kellha seba’ snin. Il-Prosekuzzjoni qalet li t-tifla allegat ukoll li meta kellha għaxar snin, l-akkużat ipprova jistupraha.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Mario Camilleri insistiet li Scicluna għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-fatt li l-każ kien imsejjes għal kollox fuq allegazzjonijiet ta’ tifla ta’ erbatax-il sena. Madankollu, il-prosekuzzjoni saħqet li l-akkużi kienu serji ħafna u l-allegata vittma instemgħet ġenwina.
Apparti dan semmiet li kien hemm ir-risku li l-akkużat jersaq lejn il-minuri li għadha ma tatx ix-xhieda tagħha.
Fid-dawl ta’ dan il-Maġistrat Joe Mifsud ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest.