Illum, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, il-Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak.
Intant, ilbieraħ ONE News irraporta kif raġel ta’ 60 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar tilef ħajtu wara li kien involut f’argument.
Il-Pulizija qed tqis dan il-każ bħala omiċidju u qed tkellem persuna sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet, li qed isiru mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Qawra.
Il-każ seħħ kmieni ilbieraħ filgħodu, għall-ħabta tas-siegħa u nofs, fi stabbiliment fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.
Waqt li l-Pulizija kienet sejra fuq il-post, ġiet informata li fl-Isptar Mater Dei kien iddaħħal raġel b’ambulanza mill-istess post. Għall-ewwel, huwa kien ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji, iżda b’xorti ħażina ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.