Michael Zola, ta’ erbgħin sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li stupra Ingliża f’lukanda fil-Qawra. Intqal kif, fl-20 ta’ Awwissu li għadda, daħal rapport fl-Għassa tal-Qawra fejn mara barranija allegat li kienet għadha kemm ġiet stuprata.
Proprju dakinhar inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Zola. Ir-raġel imwieled il-Kongo, iżda residenti Franza, ġie arrestat mill-istess lukanda fejn seħħ l-allegat stupru.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Nadine Lia, ingħad li l-mara kienet irritornat l-Ingilterra, iżda l-Prosekuzzjoni spjegat li minħabba li hemm inkjesta fuq dan il-każ, diġà saru l-eżamijiet kollha fuqha.
Zola wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni, iżda oġġezzjonat għal dan, minħabba l-fatt li l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, waqt li d-Difiża qalet li l-imputat jista’ jerġa’ jmur joqgħod fl-istess lukanda sakemm isib fejn jista’ jikri.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom b’depożitu ta’ għaxart elef ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef oħra. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma biex l-akkużat ma jkollu l-ebda tip ta’ komunikazzjoni magħha.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesco Mizzi, bl-Avukati Darlene Grima u Mirayah Borg jirrappreżentaw l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.