Raġel ta’ 54 sena minn New Zealand li jgħix l-Imsida qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument l-Imsida stess.
L-argument seħħ bejn żewġt irġiel f’appartament fi Triq Oscar Żammit fl-Imsida għall-ħabta tal-ħdax u kwart tat-Tnejn.
Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fejn mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel min New Zealand allegatament kien aggredit b’daqqiet ta’ sieq f’rasu minn raġel ta’ 35 sena li joqgħod Ħal Tarxien.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta’ l-ewwel għajnuna lill-vittma u ħadet lir-raġel ta’ 54 sena l-isptar.
Ir-raġel ta’ 35 sena qed jinżamm mill-Pulizija sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.