Raġel ta’ wieħed u tletin sena mill-Fgura, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil ommu wara li samatha.
Ir-rapport sar mill-Isptar Mater Dei, fejn imbagħad mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li fl-erbatax ta’ Jannar li għadda, inqala’ argument bejn l-imputat u ommu, li matulu r-raġel sabbat il-borma li kien fiha l-misħun u l-ilma jaħraq laqat lill-mara. Hija kellha tittieħed l-isptar minħabba l-ġrieħi li ġarrbet.
Quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia, ir-raġel ġie mixli li weġġa’ gravi lil ommu, li taha fastidju, u li ħebb għaliha.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Peress li għad trid tixhed l-omm, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ssuġġeriet li jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-kura li għandu bżonn.