Raġel ta’ disgħa u għoxrin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie akkużat li pprova jigdem uffiċjal tal-Pulizija li kien qed jipprova jarrestah wara li allegatament, qabdu bid-droga fi stabbiliment tad-divertiment f’Ta’ Qali.
L-akkużat, Sebastian Fiedler minn Ħaż-Żabbar, ġie mixli b’pussess tad-droga mhux għall-użu personali, li rreżista l-arrest b’mod vjolenti, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail imposti fuqu f’każ preċedenti.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-inċident seħħ f’Mejju meta l-Pulizija kienu qed jagħmlu spezzjoni u raw lill-akkużat jaġixxi b’mod suspettuż.
Meta ra l-Pulizija resqin lejh, l-imputat waqqa’ borża bi trab abjad, u karta tal-ħamsin ewro, minn idejh.
Dan wassal lill-Pulizija biex jagħmlu tfittxija fuqu u jarrestawh, meta b’mod vjolenti, irreżista lill-uffiċjali u pprova jigdem wieħed minnhom.
Sussegwentament ittieħed l-għassa ta’ Birkirkara fejn saritlu tfittxija, u nstabu erba’ boroż ta’ sustanza maħsuba kokaina, borza ta’ trab roża maħsuba ketamine u erbgħa u għoxrin pillola ecstasy. Fuqu kellu wkoll madwar erba’ mija u sittin ewro fi flus kontanti.
Fi tfittxija fir-residenza fejn jgħix instabu wkoll butterfly knife u switchblade, li f’Malta huma illegali.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ddeċidiet li minħabba n-natura tal-akkużi, għadu kmieni wisq biex Fiedler jinħeles mill-arrest.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-uffiċjal tal-Pulizija nvolut fl-arrest.