Louis Calleja ta’ tnejn u erbgħin sena mill-Fgura ċaħad li hedded jew attakka b’mod indiċenti tifla fil-bandli ta’ raħal twelidu.
L-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, fejn ġie mixli li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin, żammha kontra l-volontà tagħha u esponiha għal atti immodesti.
Calleja kien akkużat ukoll li kkawża biża’ lil persuna vulnerabbli li se tintuża vjolenza fuqha, li offenda l-morali pubbliċi fi spazju miftuħ għall-pubbliku, li kien qed iġorr arma tan-nar u sikkina fil-pubbliku bla liċenzja, li wettaq reat kontra persuna waqt li kien fil-pussess ta’ arma, li kien riċediv u li kiser ordni ta’ probation.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li fit-28 t’Ottubru, mara ta’ nazzjonalità Indjana marret l-Għassa ta’ Raħal Ġdid biex tirrapporta li, waqt li wliedha kienu fil-bandli tal-Fgura, raġel ġibed lil bintha fil-ġenb, heddidha b’sikkina u arma tan-nar, qabel ma espona lilu nnifsu.
Filmati minn kameras tas-sigurtà fiż-żona kkonfermaw dak li qalet il-mara.
Ir-raġel ġie identifikat mill-filmati u kien arrestat f’daru, fejn instabu wkoll il-ħwejjeġ li dehru fil-filmati tal-bandli.
Calleja ngħata l-libertà proviżorja fit-2 ta’ Novembru biex jingħata trattament l-isptar qabel ma reġa’ ġie arrestat erbat ijiem wara.
Meta mistoqsi mill-Pulizija, ir-raġel qal li kull ma għamel kien li qafel il-lazz tat-tifla u kellimha.
Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u qrabatha, sakemm jinstema’ l-każ.