Roderick Brincat ta’ 36 sena li inizjalment wieġeb ħati li ffastidja persuna miexja fil-Furjana kellu l-ammisjoni tiegħu mibdula mill-Maġistrat wara li fil-Qorti qal li ma għamel xejn ħażin u li mhux se ssir ġustizzja miegħu jekk jintbagħat il-ħabs.
Fil-Qorti ntqal li f’Mejju li għadda persuna li kienet miexja fil-Furjana ġarrbet xi ġrieħi wara inċident ma’ Brincat.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid kif l-akkużat f’Lulju saħansitra insulta anzjan wara li ma aċċettax li jtih €20 u ftit ġimgħat wara reġa’ aggredih.
L-akkużat ġie arrestat nhar il-Ġimgħa u ġie mixli b’att ta’ akkużi fosthom fuq ksur ta’ paċi pubblika u li ffastidja persuna.
Madankollu l-imputat baqa’ jisħaq li ma kien għamel xejn ħażin. Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat ma aċċettatx l-ammisjoni tal-akkużat fejn qabel qal li huwa ħati.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, primarjament għaliex l-akkużat m’għandux indirizz fiss u baqa’ aktar nies li jridu jixhdu fil-każ.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Spettur Gabriel Micallef.