Raġel ta’ 42 sena mill-Imsida nħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għall-uffiċjali tal-Pulizija.
L-allegat każ seħħ fl-14 t’Awwissu li għadda fl-għassa tal-pulizija tal-Ħamrun.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, l-imputat kien akkużat ukoll li insulenta, hedded u darab ħafif żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
L-akkużat wieġeb mhux ħati filwaqt li talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni opponiet din it-talba minħabba li r-raġel għandu 40 paġna ta’ rekords kriminali.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000.