Joseph Ebejer, penzjonant ta’ 63 sena nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa u li pparteċipa f’atti sesswali mingħajr kunsens ma’ erbat itfal taħt l-etá.
Ebejer, mwieled l-Awstralja u li joqgħod Ħal Kirkop, ġie mixli li aktar kmieni dan ix-xahar u qabel, fl-Armier limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa kkorrompa u wettaq atti sesswali mingħajr kunsens ma’ tfal minorenni bejn is-sebgħa u ħdax-il sena. Il-vittmi huma kuġini.
Ebejer ġie akkużat ukoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ waħda mill-vittmi li kienet ukoll taħt l-etá ta’tnax-il sena u li fl-istess żmien offenda l-pudur tal-vittmi f’post pubbliku.
Ebejer tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu eskortat minn uffiċjal tal-ħabs, b’flokk abjad fuq rasu sabiex jaħbi l-identità tiegħu.
Filfatt l-identità tal-imputat kienet kwistjoni taħraq fil-Qorti hekk kif iż-żewġ partijiet argumentaw favur u kontra divjett fuq isem Ebejer.
L-avukat għad-difiża Joseph Brincat apparti li talab divjett fuq isem il-vittmi u l-familjari tagħhom, talab ukoll sabiex l-isem tal-imputat ma jixxandarx biex b’hekk tiġi protetta l-identitá u l-interessi tal-minuri ikkonċernati f’dan il-każ.
Madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Clayton Camilleri oġġezzjonat għat-talba tad-difiża rigward id-divjett fuq isem l-imputat.
Dan hekk kif skond l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma kienx hemm periklu li l-identitá tal-minuri involuti f’dan il-każ tiġi skoperta. Spiteri sostna wkoll li l-isem tal-akkużat fil-beraħ jista’ jinċentiva iktar vittmi sabiex jersqu u jitkellmu mal-Pulizija.
Wara li l-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet kollha laqgħet parti mit-talba tad-difiża rigward divjett fuq isem il-vittmi u l-familjari tagħhom madankollu ma laqgħetx it-talba għal divjett fuq isem Ebejer.
Intant hekk kif il-Maġistrat Astrid May Grima staqsiet lil akkużat kif iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih, Ebejer quddiem il-ġenituri ta’ tnejn mit-tfal li kienu preżenti fl-awla u li dehru mbikkmin, wieġeb mhux ħati. Permezz tal-avukat tiegħu huwa talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat immedjatament għal din it-talba u qalet li l-imputat kien diġá instab ħati f’każijiet ta’ korruzzjoni tal-minuri fil-passat. Żiedet tghid li fadal xhieda x’jidhru u jixhdu u b’hekk it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju hija pjuttost bikrija.
B’hekk il-Maġistrat ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest.
Fuq talba tad-difiża, il-Maġistrat ordnat ukoll lid-direttur tal-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin sabiex jipprovdi lill-imputat eżaminazzjoni medika u kull għajnuna medika oħra li tista’ tkun neċessarja hekk kif riċentament kellu operazzjoni.
Dr Arthur Azzopardi u Dr Rene Darmanin dehru Parte Civile għall vittmi.