Abdulrahman Mustafa Elhasuni, Libjan li għandu 25 sena u jgħix tas-Sliema wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti mixli b’pussess aggravat ta’ droga.
Huwa ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga MDMA f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għall-użu personali tiegħu. Dan filwaqt li kien akkużat li wettaq reat viċin post li fih jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
Fil-Qorti d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif għad baqa’ numru ta’ xhieda x’jixhdu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien wara li semgħet li l-akkużat kien arrestat f’Settembru iżda kien inħeles bil-bail.
Għaldaqstant hu ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000 u diversi kundizzjonijiet oħra.