Anthony Chircop, raġel ta’ 42 sena mis-Swieqi, jinsab akkużat li b’ traskuraġni u b’veloċita eċċessiva qatel lil Stephanie Rapa wara li tajjara bil-karozza.
Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2017 fejn f’ Triq ix-Xatt fil-Gżira, għal ħabta tas-7:30 ta’ filgħaxija, għal xi raġuni jew oħra, Chircop tajjar lil Stephanie b’vettura tat-tip Nissan GTR. Liema inċident ħasad il-ħajja ta’ din it-tfajla.
Quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Anthony Vella, l-Ispettur Jonathan Ransley xhied li minn filmati tas-sigurta, ġie stabbilit li l-vettura tal-akkużat dehret tagħmel U-Turn u ssuq b’ veloċita lejn tas-Sliema. Ransley żied jgħid li hekk kif Chircop tajjar lil din it-tfajla hi dehret togħla madwar sular u l-karozza ġarrbet diversi ħsarat tant li nkiser il-windscreen u infetħu l-airbags.
Il-prosekuzzjoni kompliet tispjega kif l-akkużat ta diversi verżjonijiet ta’ x’ġara fl-inċident u li l-ebda waħda minnhom ma taqbel ma’ dak li jidher fil-filmati. Chircop qal ukoll mal-Pulizija li lanqas kien induna li laqat persuna, iżda deherlu li kien laqat oġġett.
L-avukat Joseph Giglio deher parte-civile f’ishem Stephanie Rapa filwaqt li Dr. Joseph Brincat mexxa d-difiża tal-każ.