Raġel ta’ 29 sena, li tressaq il-Qorti mixli bi vjolenza domestika fil-konfront ta’ martu, ġie meħlus mill-akkużi wara li martu xehdet li riedet twaqqa’ l-akkużi kollha, minkejja r-rapport li għamlet fil-bidu tal-ġimgħa.
L-Ispettur Omar Zammit, f’isem il-Prosekuzzjoni, qal li l-mara kienet irrapportat lil żewġha, iżda meta dan intalab imur id-Depot, dan kien akkumpanjat minnha stess. Hawn hi qalet li ma riditx tkompli bl-akkużi.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, il-mara kkonfermat li ma tixtieqx li r-raġel tagħha jiġi arrestat jew jiġi akkużat u xtaqet li l-każ jieqaf biex tkun tista’ tirranġa l-affarijiet ma’ żewġha.
Mistoqsija kif, waqt ir-risk assessment li sarilha, hi qalet li r-raġel seta’ jasal joqtolha, il-mara wieġbet li dak il-ħin kienet esaġerat u li d-deċiżjoni tagħha issa ħaditha b’mod ħieles u li ma taħsibx li r-raġel kien se jweġġagħha.
Il-Qorti laqgħet it-talba u għalqet il-każ.