James Attard ta’ 33 sena minn Ħal Qormi ġie mixli b’hit-and-run li fih raġel weġġa’ serjament.
L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tat-3 ta’ Frar.
Attard ġie mixli li b’negliġenza kkawża ġrieħi gravi fuq persuna, li naqas milli jieqaf wara li kien involut f’inċident, talli saq b’mod imprudenti u perikoluż.
L-avukat difensur qal li dan il-każ huwa wieħed sfortunat u talab għall-ħelsien fejn żied jgħid li m’hemmx xhieda f’dan l-inċident.
Kien hawnhekk li l-Maġistrat qalet li l-inċident inqabad permezz ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien iżda nnotat li l-pulizija rnexxielha tidentifika xhud matul l-investigazzjonijiet tagħhom filwaqt li nfurmat lill-Qorti li l-akkużat talab biex jitkellem mal-vittma ħalli jkun jista’ jiskuża ruħu.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €1000 u garanzija ġersonali ta’ €20,000.