Anwar Elnily, raġel ta’ 22 sena minn Ħaż-Żabbar, tressaq quddiem il-Maġistrat Mareseanne Farrugia mixli b’serq aggravat, li insulta u hedded uffiċjali tal-Pulizija, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà kundizzjonata.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-Pulizija rċiviet rapport dwar serq ta’ €350 minn vann ta’ confectionery.
Huwa ġie identifikat minn filmati tas-sigurtà u aktar tard ġie arrestat.
Ir-raġel qed jiġi akkużat ukoll li seraq mowbajl. Huwa rritorna ftit ħin wara, u poġġa l-mowbajl misruq lura f’postu.
Fil-Qorti ġie spjegat li, waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija, huwa insulta lil diversi uffiċjali tal-Pulizija.
Elnily wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest, din it-talba ġiet miċħuda minħabba l-vizzju tad-droga li għandu l-imputat, u b’hekk hemm il-biżà li jwettaq att kriminali ieħor jew jipprova jgħatti l-evidenza.
Il-Qorti appuntat ukoll uffiċjal tal-probation biex jassisti lill-imputat.