Raġel ta’ 30 sena mill-Gżira fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ serjament waqt attività sportiva.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ wara nofsinhar fl-inħawti ta’ Triq in-Naħħalija, f’Għajn Tuffieħa, limiti tal-Mellieħa.
Il-Pulizija marret fuq il-post tal-inċident u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li l-vittma sofra xi ġrieħi fl-aħħar parti tat-tellieqa waqt li kien nieżel minn żurżieqa.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei minn membri tal-Malta Red Cross li kienu fuq il-post waqt l-attività.
Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.