Raġel ta’ 28 sena ndarab gravi wara li allegatament ġie aggredit b’arma li taqta’ u bil-ponta fil-Marsa.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar meta daħal raġel l-Għassa tal-Ħamrun u allega li kien għadu kif ġie aggredit minn raġel ieħor b’arma li taqta’ u bil-ponta, waqt li kien fi Triq Nicolo Isouard, il-Marsa.
Minħabba li r-raġel ta’ 28 sena residenti Ħaż-Żebbuġ kellu xi ġrieħi, il-Pulizija talbet l-assistenza medika u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
B’rabta ma’ dan il-każ il-Pulizija arrestat raġel ta’ 21 sena residenti l-Marsa stess. Huwa ttieħed fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa minħabba li rraporta li huwa wkoll sofra xi ġrieħi waqt dan l-argument. Huwa kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena qed jinżamm fil-Lock up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.