Ġermaniż tilef ħajtu, filwaqt li żewġ turisti oħra sfaw midruba, wara attakk b’sikkina u martell, fi triq ċentrali f’Pariġi.
Il-Ministru għall-Intern Franċiż, Gérald Darmanin, qal li dan l-attakk kien immirat lejn grupp ta’ turisti, viċin tat-torri Eiffel.
Huwa ħabbar ukoll li s-suspettat, li huwa Franċiż ta’ 26 sena, u li huwa magħruf li jsofri minn xi mard psikoloġiku, ġie arrestat.
Darmanin, qal ukoll, li l-allegat agressur għajjat il-kliem ‘Allahu Akbar’, filwaqt li qal lill-Pulizija li kien jinsab imdejjaq għaliex ħafna Musulmani qed jinqatlu fl-Afghanistan u l-Palestina.
Qal ukoll li s-suspettat kien ingħata sentenza ta’ 4 snin priġunerija, lura fl-2016, hekk kif kien ippjana attakk separat, u b’hekk kien magħruf mal-awtoritajiet Franċiżi.
L-awtoritajiet, appellaw ukoll sabiex in-nies jevitaw iż-żona fejn seħħ dan l-attakk.
Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, permezz ta’ post fuq il-pjattaforma, X, irringrazzja lis-servizzi tal-Emerġenza għall-ħidma tagħhom, filwaqt li wera s-solidarjeta’ tiegħu ma’ dawk affetwati.