Ahmed Rasem A. Franko ta’ 35 sena mil-Libja nżamm arrestat wara li tressaq il-qorti akkużat li hedded lit-tfajla tiegħu.
Rasem A. Franko qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ qtil. Fil-fatt huwa qed jiġi akkużat bi qtil ta’ raġel mill-Kolumbja li seħħ fl-elfejn u sittax f’Paceville.
F’Mejju elfejn u tmintax huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq dan il-każ. Il-Libjan kien akkużat ukoll li fl-elfejn u ħmistax prova jistrupra tifla Svediża.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet b’rabta mal-ħelsien mill-arrest. Ġie akkużat ukoll li ħoloq biża’ li se tintuża l-vjolenża fuq it-tfajla tiegħu.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu. Bil-Maġistrat ordnat sabiex jibqa’ jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.