Raġel ta’ tnejn u tletin sena li qed ifittex l-ażil f’pajjiżna u ħarab miċ-ċentru l-miftuħ tal-immigranti f’Ħal Far, ġie akkużat fil-Qorti b’attakk fuq mara f’każ li seħħ f’Ottubru li għadda.
Il-każ seħħ fid-disgħa u għoxrin ta’ Ottubru fil-Furjana, meta l-mara marret tirrapporta fl-għassa tal-Belt li kienet ġiet aggredita minn stranġier.
Minnufih bdiet tfittxija għar-raġel u l-Pulizija kisbu filmati minn kameras tas-sigurtà minn fejn seħħ l-allegat każ.
Is-suspettat ġie nnutat f’Tas-Sliema t-Tnejn u minkejja li l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa, qabel mad-deskrizzjoni ta’ dak li deher fil-filmat, u rriżulta li kien Sudaniż ta’ tnejn u tletin sena.
Ir-raġel ġie akkużat li weġġa’ ħafif lill-vittma, attakkaha, u kiser il-paċi pubblika.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.