Raġel imfittex mill-Pulizija talli kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ akkużi ta’ serq, ġie nnutat ipoġġi balavostra fil-Palazz Presidenzjali.
Tristan Farrugia Tedesco, ta’ 27 sena, li m’għandux indirizz fiss, tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca, akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ngħatawlu f’Ġunju u Novembru tas-sena l-oħra.
Huwa ġie akkużat ukoll li rreżista l-Pulizija fl-għassa ta’ Birkirkara xahar ilu u m’obdiex l-ordnijiet tagħhom. Ġie mixli wkoll li wettaq ħsara volontarja fil-lockup tal-Pulizija lbieraħ meta kisser lampa.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat ma kienx qed jiffirma fl-għassa fl-aħħar ġimgħat, tant li ħarġu żewġ mandati ta’ arrest fil-konfront tiegħu minħabba l-proċeduri kriminali li għaddejjin kontrih.
L-imputat, li għandu problema kbira tad-droga, qed jiġi investigat għal xi serq ieħor.
Mistoqsi mill-Qorti jekk għandux impjieg, ir-raġel qal li kien qed jaħdem għal xi kuntrattur fil-Palazz Presidenzjali iżda kien ċempillu u qallu biex ma jibqax imur minħabba li kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-vizzju tad-droga tal-akkużat, li jista’ jiġi kkontrollat aħjar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fil-fatt, il-Qorti ssuġġeriet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiv biex jipprovdi lil Farrugia Tedesco bl-għajnuna medika li għandu bżonn u biex jibda l-proċess ta’ rijabilitazzjoni.
Sadanittant, l-Uffiċċju tal-President fi stqarrija ċċara li l-persuna msemmija qatt ma kienet impjegata mal-Uffiċċju tal-President.
Skont il-Perit inkarigata mix-xogħol li għaddej fil-Palazz ta’ Sant’Anton il-persuna msemmija kienet inkarigata minn kuntrattur privat u mingħajr preavviż biex twassal materjal lil nies li kienu qed jagħmlu x-xogħol fil-Palazz.
L-Uffiċċju tal-President qatt ma kellu relazzjoni ta’ impjieg mal-persuna msemmija.