Raġel li kien affaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga minħabba li kabbar xtieli tal-kannabis f’daru se jiġi ġġudikat minn Maġistrat u mhux mill-Qorti Kriminali, u l-Ministru għall-Ġustizzja se jirċievi kopja tad-deċiżjoni. Dan dwar il-każ ta’ John Busuttil minn Santa Venera li kien ċaħad akkużi ta’ traffikar tad-droga fl-2013, wara li l-Pulizija sabet 21 pjanta tal-kannabis f’sistema li kien bena f’daru stess. B’kollox jidher li ġew ikkonfiskati ftit anqas minn 900 gramma kannabis.
Jidher li r-raġel kien qal lill-Pulizija li kien qed ikabbar il-pjanti bil-ħsieb li eventwalment jinbiegħu, iżda mbagħad sar magħruf mal-Qorti li Busuttil għamel stqarrija lill-Pulizija mingħajr ma kien hemm avukat preżenti.
Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax ma tikkunsidrax anke l-emendi proposti fil-liġi dwar is-suġġett. Għalhekk laqgħet it-talba ta’ Busuttil biex ikun Maġistrat li jisma’ l-każ tiegħu minflok Imħallef.