Slimiż ta’ tlieta u ħamsin sena li jitma l-ħamiem fit-toroq, tressaq il-Qorti wara li allegatament attakka lill-ġara fuq suspett li rrappurtah lill-Pulizija.
Ir-raġel li ma jaħdimx u qed jaffaċċja proċeduri quddiem bord mediku, ittieħed il-Qorti wara l-inċident li seħħ il-ġimgħa l-oħra.
Fil-Qorti ngħad kif allegatament, il-vizzju li jitfa’ l-iskalora lill-ħamiem fit-toroq, kien qed joħloq inkonvenjent lill-ġirien.
Meta sar rapport f’għassa tal-Pulizija, ir-raġel issuspetta li għamluh il-ġirien tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-inkwiet qam meta r-raġel lemaħ lill-ġara u pprova jisforzaha tidħol f’daru.
Kien hemm xi ħadd mill-ġirien li mar jgħin lill-mara u l-inċident waqaf hemm.
Ir-raġel ġie akkużat li pprova jikkawża uġigħ fiżiku, insulta u hedded lill-allegata vittma u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-avukat tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest. Liema talba ma ġietx oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni fid-dawl li l-akkużat għandu dipressjoni.
Il-Prosekuzzjoni ssuġġeriet li l-imputat ikun assessjat minn psikjatra u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn.
Huwa nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ elf ewro, ordni biex ma javviċinax lix-xhieda, jiffirma fl-għassa darbtejn f’ġimgħa u jkun id-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.