Serb ta’ sitta u tletin sena li jgħix Malta baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu, akkużat b’importazzjoni tad-droga.
Ir-raġel ġie arrestat mal-wasla tiegħu f’Malta bil-katamaran fid-dsatax ta’ Jannar, meta l-uffiċjali tad-Dwana ssuspettaw li kien hemm id-droga fil-karozza li kien fiha.
It-tfittxija rriżultat fil-pożittiv għaliex fil-karozza kien hemm diversi pakketti bil-kannabis.
Quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia, l-akkużat ġie mixli b’pussess, importazzjoni u assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar.
Huwa wieġeb mhux ħati u f’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.