Stefan Cutajar ta’ 39 sena minn San Pawl il-Baħar, li ma jaħdimx, baqa’ jinżamm arrestat, wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati għal akkużi li jistgħu jwasslu sa seba’ snin ħabs u aktar.
Ir-raġel ġie akkużat li nhar is-Sibt, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar fl-Iklin, seraq vettura li kienet ipparkjata.
Il-Pulizija rnexxielhom isibu l-vettura misruqa fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa, u wara tfittxija fl-akkwati, ġie arrestat ir-raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni tal-Pulizija.
Minn tfittxijiet li saru fuqu, instabu xi oġġetti li kienu fil-vettura misruqa, kif ukoll turnavit u oġġetti relatati mal-abbuż mid-droga kokaina.
Fil-pussess tiegħu nstabu wkoll ċavetta ta’ mutur li ġie nnutat fi Triq it-Tiġrija wkoll. Meta l-Pulizija qabblu ċ-ċavetta, irriżulta li l-mutur kien insteraq il-ġimgħa l-oħra minn Triq in-Naxxar f’Birkirkara.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ritienne Gauci, minħabba li l-imputat għandu problema kbira tad-droga.
Jirriżulta wkoll li l-imputat ħareġ mill-ħabs ftit tax-xhur ilu.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tar-reat u l-fatt li l-allegat reati twettqu ftit xhur wara li l-imputat ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Qorti ssuġġeriet lid-Direttur tal-Ħabs biex jipprovdi s-servizzi disponibbli biex l-imputat jindirizza d-dipendenza fuq id-droga.