Fl-2023, fl-Iżvezja, Salwan Momika ta’ 38 sena, kien organizza diversi ħruq pubbliku tal-ktieb sagru għall-Islam, il-Koran. Att li kien qajjem kontroversji nazzjonali kbar u rabja kbira f’diversi nazzjonijiet Musulmani bil-konsegwenza ta’ ħafna rvellijiet kontra l-Iżvediżi fi sfond ta’ tensjoni kbira.
Skont l-awtoritajiet Żvediżi, Momika inqatel l-Erbgħa filgħaxija f’Södertälje ħdejn Stokkolma. Huma kienu msejħa fuq il-post wara li daħal rapport ta’ sparatura fejn sabu raġel bi ġrieħi kkawżati minn arma tan-nar. Huwa miet aktar tard.
Fuq il-midja Żvediża ġie rrappurtat li ħames persuni kienu arrestati b’rabta mal-każ. Il-pulizija qed jinvestigaw rapporti li l-qtil kien ġie mxandar b’mod dirett fuq il-mezzi soċjali.
Momika kien mar l-Iżvezja mill-Iraq fl-2018 u fl-2021 kien ingħata permess ta’ residenza għal tliet snin. Huwa kien ġie mixli, li flimkien ma’ persuna oħra, inċita mibgħeda razzjali minħabba stqarrijiet li għamlu b’konnessjoni mal-ħruq tal-Koran. Illum kien mistenni jinqata’ l-verdett f’dan il-każ.