Raġel li allegatament instab fil-pussess tad-droga waqt rejd fil-Marsa, baqa’ jinżamm arrestat.
John Junior Pace, li għalaq tmienja u għoxrin sena proprju fil-jum li tressaq il-Qorti, wieġeb mhux ħati li akkwista droga sintetika ġdida kontra l-liġi, u li kien fil-pussess tad-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali.
Dawn ir-reati kienu aggravati minħabba l-fatt li r-reat seħħ mal-mitt metru bogħod minn post fejn jinġabru ż-żgħażagħ.
Huwa ġie akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fuq reati passati.
L-arrest tiegħu seħħ wara rejd mill-Pulizija fuq informazzjoni anonima li waslitilha dwar attività suspettuża marbuta mad-droga fin-naħa ta’ Sqaq il-Ġerrejja fil-Marsa.
Il-Pulizija osservaw persuna li żżur il-post regolarment u l-Erbgħa, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, wettqu rejd wara li ħareġ mandat t’arrest mill-Maġistrat.
L-imputat instab ġo stalla, flimkien mat-tfajla tiegħu – li hija minuri u tinsab fl-aħħar fażijiet tat-tqala – flimkien ma’ raġel ieħor li kien imur regolarment.
Il-Pulizija ffukaw it-tfittxijiet tagħhom taħt tapit faċċata tal-istalla, u f’kaxxa li kienet quddiem l-arloġġ tal-ilma.
It-tfittxija rriżultat fil-pożittiv, meta l-Pulizija sabu boroż ta’ kannabis sintetika, boroż iżgħar li jintużaw biex titqassam id-droga, miżinn, imwieżen tal-użin, u madwar elfejn ewro fi flus kontanti.
Kemm Pace u anki r-raġel l-ieħor ġew arrestati, iżda kien Pace biss li tressaq il-Qorti, hekk kif ir-raġel l-ieħor kien l-isptar.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u jaf jinħarġu akkużi oħra fiż-żmien li ġej.