Raġel Taljan indarab gravi wara li ttajjar minn vettura fil-Gżira.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħodu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira minħabba li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Taljan ta’ 29 sena, għal xi raġuni safa’ milqut minn vettura tat-tip Toyota Ractis li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn l-Imsida, minn raġel ta’ 63 sena li joqgħod Tas-Sliema.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 29 sena, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Vella LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.