Libjan ta’ 36 sena li pprova jikkalma argument spiċċa l-isptar fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqa ta’ sikkina fi ġlieda f’San Pawl il-Baħar. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta tat-Tnejn waranofsinhar meta li qam argument bejn żewġ sewwieqa fi Triq il-Kaħli.
L-argument qam wara li żewġ xufiera ta’ karozzi rrifjutaw li jċedu lil xulxin fid-daħla ta’ Triq il-Kaħli kantuniera mat-triq prinċipali ta’ San Pawl il-Baħar.
Kien hawn li l-vittma mar jipprova jferraq liż-żewġ xufiera, bl-agressur li huwa Niġerjan ħareġ mus u tah daqqa bih ġo ġenbu.
Minnufih l-allegat agressur ħarab minn fuq il-post bil-karozza iżda ġie arrestat ftit tal-minuti wara mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fil-Mosta.
Il-każ qed jitmexxa mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra bl-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea.