Raġel ta’ 34 sena u mill-Ħamrun ġarrab ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fejn inqaleb bil-karozza fil-Marsa.
Il-każ seħħ illum, għal xi tmienja u kwart ta’ filgħodu fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u sabu vettura tal-għamla Land Rover Defender maqluba.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li x-xufier tilef il-kontroll bil-konsegwenza li l-vettura nqalbet.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-isptar għall-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.