Sewwieq ta’ mutur ta’ 52 sena min-Naxxar iddaħħal l-isptar Mater Dei għall-kura wara li kien involut f’ħabta ma’ karozza tal-għamla Hyundai Excel misjuqa minn raġel ta’ 44 sena minn Ħal Għaxaq.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 13:30 fit-telgħa ta’ Garibaldi fil-Marsa.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel fejn imbagħad ħadu l-isptar għal aktar kura.
Aktar tard is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
It-triq fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa ngħalqet għal ammont ta’ ħin għat-traffiku.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.