Nicolette Ghirxi, Maltija ta’ 48 sena, instabet bla ħajja fl-appartament tagħha wara li qalgħet daqqa jew daqqiet ta’ arma bil-ponta fis-Swatar, limiti ta’ Birkirkara, wara li l-Pulizija kellhom jisgassaw il-bieb.
Il-katavru tagħha nstab wara tagħrif li kien għadu kemm ta Irlandiż lill-Pulizija f’kommossjoni fuq ix-xatt ta’ San Ġiljan, li damet mat-tliet sigħat.
Dan wara li r-raġel, identifikat bħala Edward William Johnston ta’ 50 sena, kien għadu kemm hedded lil xi ħaddiema tal-Lukanda Hilton, b’dik li dehret bħala arma tan-nar.
Il-Pulizija, li waslu fuq il-post wara telefonata għall-għajnuna mil-lukanda stess, sabu lir-raġel ftit wara max-xatt f’Paceville, fejn ukoll qabeż fil-baħar. Kien hawn li, f’negozjati mar-raġel, li beda jirrifjuta li jċedi, sar magħruf minnu li kien għadu kemm qatel lill-eks sieħba tiegħu f’Birkirkara.
Minn dan, il-Pulizija setgħu jaslu għall-appartament tal-mara fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil fis-Swatar.
Ghirxi, li hi t-tielet vittma ta’ omiċidju din is-sena, instabet bla ħajja minn tim ieħor tal-Pulizija li wasal fuq il-post ftit tal-ħin wara, waqt li uffiċjali oħrajn kienu għadhom qed jittrattaw ma’ Johnston.
Xi ħaġa li ħadet mat-tliet sigħat, qabel eventwalment spiċċat fil-qtil tar-raġel li ma kkollabora xejn u beda jipponta l-oġġett f’idu, fil-forma ta’ pistola, lejn l-uffiċjali u saħansitra pprova jassalta wieħed minnhom
Minn informazzjoni, li ngħatat f’konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri tal-Pulizija iżjed tard, ingħad li wara li l-Pulizija avviċinaw lir-raġel, li kien pront qabeż fil-baħar u pponta l-“arma” lejn rasu, uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit bdew jipprovaw jinnegozjaw biex ineħħi l-oġġett minn idejh u jċedi. Waqt in-negozjati, intalbet ukoll l-għajnuna ta’ tim mediku biex jassisti.
Kien hawn li l-Irlandiż iddikjara li, aktar qabel, kien qatel persuna f’residenza f’Birkirkara.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, li indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, tenna li, minn hawn skatta proċess ieħor, f’Birkirkara.
“Wara li ħabbtu l-bieb tal-appartament ma fetaħ ħadd, bil-Pulizija tkun kostretta tisgassa l-bieb tal-appartament. Hawnhekk, il-Pulizija sabu mara b’wiċċha ’l fuq u din kienet tidher bla ħajja. Jirriżulta li l-mara mietet permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina, bl-arma, li possibbilment kienet intużat, instabet ħdejn il-vittma.”
Jirriżulta lil ONE News li lanqas il-ġirien ma rrapportaw lill-Pulizija, li kienu semgħu xi ħsejjes anomali jew minn xi kommossjoni tard il-Ħadd bil-lejl meta allegatament seħħ ir-reat.
Il-Kummissarju spjega li, sadanittant, kienu għadhom għaddejjin in-negozjati ma’ Johnston f’San Ġiljan, li kien tela’ mill-baħar, bl-arma l-ħin kollu ppontata lejn rasu stess.
Il-Pulizija baqgħu għaddejjin bin-negozjati, inkluż bi twissijiet biex iniżżel l-arma, iżda r-raġel baqa’ jirrifjuta li jagħmel dan.
“Kienu għall-ħabta tat-3:00 ta’ filgħodu meta r-raġel niżżel l-arma li kellu minn ma’ rasu u dak il-ħin ippontaha lejn il-pulizija li kienu ċċirkondawh fuq il-blat. Kif raw hekk, il-Pulizija ordnawlu biex iniżżel l-arma, iżda kien f’dan il-mument li r-raġel ta s-salt fuq wieħed mill-pulizija bl-arma ippontata lejh u hawnhekk il-pulizija kienu kostretti jisparawlu. Immedjatament ingħata l-assistenza medika fuq il-post, ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat mejjet. L-arma li l-aggressur kien qiegħed jipponta kienet replika ta’ arma ta’ nar.”
Sadanittant ingħataw dettalji wkoll kif Nicolette Ghirxi kellha relazzjoni fuq sentejn mal-Irlandiż, li iżda ntemmet xi xhur ilu.
Il-Kummissarju Gafà qal li, f’April ta’ din is-sena, il-mara kienet għamlet rapport ta’ fastidju mill-allegat aggressur, wara numru ta’ telefonati u imejls li rċeviet mingħandu.
“Skattaw proċeduri, inkluż ma’ aġenziji oħrajn biex ikun stabbilit il-pass li jmiss. Bħalma nagħmlu f’kull każ, il-vittma ntalbet biex tpoġġi għal risk assessment tal-Appoġġ, iżda nsistiet li ma kinitx qed tara li qegħda f’riskju u r-rapport tagħha kien ibbażat fuq insulti u fastidju. Ir-risk assessment ma sarx.”
Għalhekk jirriżulta li l-mara ma riditx tipproċedi fil-każ, għax ma emmnitx li kienet f’xi riskju f’xi ħin, waqt li kien biħsiebha tirrapporta mill-ġdid kull ħaġa f’każ li tħoss il-ħtieġa li tagħmel dan.
Sussegwentement il-Ħamis li għadda, 8 ta’ Awwissu, hi bagħtet imejl tirrapporta li Johnston kien aktarx f’Malta.
Waqt li kien qed jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Kummissarju tal-Pulizija wieġeb li l-vittma qatt ma ħasset li kienet f’riskju, iżda kienet biss qed tirrapporta skont l-istadji.
Minkejja r-rifjut għal risk assessment, il-Victim Support Unit tal-Pulizija ħadet ħsieb li tikkuntattja lill-mara xorta waħda għal xi tip ta’ appoġġ jew għajnuna, iżda, għal darb’oħra, il-vittma rrifjutat dan.
Il-Kummissarju qal li, bħalissa, it-taqsima tinsab qrib u qed tagħti kull sostenn lill-familja ta’ Nicolette Ghirxi.
Dwar il-każ, il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qed imexxi l-inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, anke dwar id-dinamika tal-omiċidju, għadhom għaddejjin.