Franċiż ta’ 21 sena ddaħħal l-isptar għall-kura wara li ħabat ma jott marbut waqt li kien qed isuq jetski.
Il-każ seħħ il-Ħadd filgħodu fil-bajja ta’ Golden Bay. Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma ħaddiema tas-salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili u lifeguards tar-Red Cross li kienu stazzjonati fl-istess bajja. Intalbet ukoll l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li waslu fuq il-post permezz tal-lanċa tas-salvataġġ Melita II.
Ir-raġel ttella’ fuq il-jott li ħabat ġo fih mill-ħaddiem tas-salvataġġ fejn hemhekk ngħata l-ewwel kura medika minn tabib tal-emerġenza li ssejjaħ fuq il-post. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li r-raġel ġarrab ġrieħi f’għonqu. Minħabba li f’Golden Bay ma kienx hemm post fejn jittella’ r-raġel, huwa ttieħed fil-bajja tal-Ġnejna permezz ta’ dinghy fejn minn hemmhekk ttieħed l-isptar għall-kura permezz ta’ ambulanza.