Raġel Ungeriż ta’ 56 sena sofra minn ġrieħi serji wara li ħabat bil-mutur fi Vjal il-Labour, in-Naxxar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-12:45pm u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li r-raġel li kien qed isuq mutur tat-tip Honda Africa Twin ħabat ma’ karozza tat-tip Honda Fit, misjuqa minn mara ta’ 43 sena residenti l-Mosta.
Fuq il-post issejħu uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku li ħa lir-raġel lejn l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isfori minn ġrieħi serji.
Vjal il-Labour fin-Naxxar ingħalaq għal xi ħin għat-traffiku wara l-inċident.
Bil-każ ġie infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ħatar inkjesta filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ.