Raġel ta’ 28 sena li jgħix San Ġiljan jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku f’Raħal Ġdid.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30 ta’ filgħaxija fi Triq il-Palma.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq u baqa’ dieħel f’siġra u ħajt ta’ residenza.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li ħarġu lill-vittma mill-vettura. Dan filwaqt li tim mediku ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei.
Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat Philip Galea Farrugia li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.