Eġizzjan ta’ wieħed u tletin sena li jgħix San Pawl il-Baħar, ittieħed l-isptar wara inċident dalgħodu fi Triq il-Kosta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu, meta l-vittma, xufier ta’ karozza tat-tip Honda, għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura u ħabat ma’ ħajt.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ ħaddiema tas-salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew b’ħidma biex jinħareġ ir-raġel, li kawża tad-daqqa nqabad fil-karozza.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ ħadet ftit tal-ħin minħabba l-kundizzjoni li kienet fiha l-karozza.
Il-vittma ttieħed l-isptar b’ambulanza u l-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.