Niġerjan ta’ 24 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi gravi, wara argument imdemmi fil-Qawra.
Il-każ seħħ illejla għall-ħabta tas-19:00 fi Triq Annetto Caruana quddiem il-knisja tal-Qawra.
Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post, jidher li nqala’ argument bejn żewġ Niġerjani ta’ 24 u 25 sena li fih intużat arma li taqta’ u bil-ponta – aktarx flixkun tal-ħġieġ.
Intant, in-Niġerjan ta’ 25 sena, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Jidher ukoll li kemm l-allegat vittma u anki l-allegat aggressur, li ġie arrestat, qegħdin l-isptar minħabba l-ġrieħi li sofrew.
Fuq il-post iddominat xena b’ħafna demm ma’ karozza pparkjata, li jirriżulta li hija ta’ mara li tgħix fit-triq fejn seħħ il-każ.
Fuq il-post fejn seħħ il-każ hemm uffiċjali mit-Taqsima tal-Forensika, biex tiġi elevata kwalunkwe tip ta’ evidenza li tista’ tistabilixxi x’ġara eżatt, bħal marki tas-swaba’ u DNA.