Dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa u nofs il-Pulizija ta’ San Ġiljan ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.
Taljan li għandu 30 sena u residenti Għajnsielem, safa’ milqut minn vettura tat-tip Toyota Townace li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema.
Raġel ta’ 24 sena li joqgħod Ħaż-Żebbug kien qiegħed isuq il-vettura msemmija.
Il-vittma ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Ftit wara, għall-ħabta tad-disgħa u nofs u ħamsa il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident ieħor li seħħ fi Triq Tal-Ħlas, Ħal Qormi.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħal Qormi marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li mara ta’ 73 sena, residenti Ħal Qormi stess, ukoll kienet sfat milquta minn vettura tat-tip Toyota Corolla li kienet qiegħda tinstaq minn mara ta’ 56 sena li toqgħod Tas-Sliema.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara ta’ 73 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, hija wkoll ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.